L-iskola sekondarja tal-Imrieħel reġgħet ħarġet bl-unuri għat-tieni sena konsekuttiva meta rebħet kwiżż nazzjonali li ġie organizzat fl-okkazjoni tal-jum dinji tal-ilma (22 ta’ Marzu) mill-HSBC Water Programme – Catch the Drop Campaign bis-support tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u d-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
L-HSBC Water Programme – Catch the Drop Campaign ilu għaddej għal iżjed minn ħames snin, b’kampanja edukattiva dwar il-konservazzjoni tal-ilma.
Tim ta’ ħames studenti tat-tielet sena fl-iskola tal-Imrieħel (Michela Attard, Jake Busuttil, Shania Cardona, Fatima Hrasa u Carl Sammut mill-klassi 9.2), ħa sehem fi kwiżż flimkien ma’ erbgħa u għoxrin skola oħra indipendenti, tal-knisja u tal-istat. L-istudenti li kienu preparati minn Denise Mizzi, għalliema tal-Ġeografija fl-istess skola, irnexxilhom iwieġbu tajjeb għad-domandi kollha tal-kwiżż.
Riżultat ta’ dan, l-iskola se tingħata elfejn ewro oħra biex toħloq proġett b’rabta mal-konservazzjoni tal-ilma. Bil-flus li ntrebħu mill-kwiżż tas-sena l-oħra l-iskola qasmet mijiet ta’ fliexken tal-ilma biex dawn jintużaw flok fliexken tal-plastik li jintremew. Apparti li din l-inizjattiva tgħin biex tonqos il-ħela tal-ilma (għax jintużaw kwantitajiet kbar ta’ ilma waqt il-produzzjoni tal-istess plastik), jonqos ukoll l-iskart mill-plastik.
L-iskola tal-Imrieħel hija ferm marbuta mal-ħażna tal-ilma hekk kif hija l-unika skola li minnha jgħaddi l-Akwedott mibni mill-Granmastru Alof de Wignacourt.
L-istudenti rebbieħa u l-kumplament tal-istudenti li jattendu l-Geoclub huma ħerqana biex jibdew jippjanaw proġett li jgħin fil-konservazzjoni tal-ilma fl-iskola!
The above information can be read in English here
Ir-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-kwiżż dwar il-konservazzjoni tal-ilma, flimkien mal-għalliema tagħhom Ms. D. Mizzi.
Ir-rebbieħa rebħu elfejn ewro biex jintefqu fi proġett b’rabta mal-konservazzjoni tal-ilma fl-iskola tagħhom.
Il-plakka tal-inawgurazzjoni tal-proġetti li twettqu b’ rabta mal-konservazzjoni tal-ilma bil-flus (EUR2,500) li ntrebbħu mill-kwiżż tas-sena l-oħra.
Leave a Comment